Permezz ta’ delegazzjoni mmexxija mis-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Christopher Cutajar, saret żjara fi Tripli u f’Benghazi fil-Libja, bil-għan li jibdew it-tħejjijiet meħtieġa sabiex Malta tiftaħ konsulat fil-belt ta’ Benghazi, li tinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-Libja.
Fi stqarrija ntqal kif id-delegazzjoni kellha laqgħat mas-sindku ta’ Benghazi, mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Agrikultura u mal-bord ewlieni li jikkordina l-privatizzazzjoni u l-investiment f’Benghazi. Saret ukoll żjara fil-Port ta’ Benghazi fejn id-delegazzjoni tkellmet kemm mat-tmexxija tal-port u anke mal-Awtorità Portwali kif ukoll osservat l-operat tal-port innifsu.
Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar qal li, “Filwaqt li l-effett li ħallew il-kunflitti fuq il-belt ta’ Benghazi tul dawn l-aħħar għaxar snin huwa wieħed kbir, hekk kif stajna naraw oqsma sħaħ ta’ binjiet imġarrfa; daqstant ieħor hija kbira r-rieda tal-persuni li ltqajna magħhom biex jaraw li din il-belt tinbena mill-ġdid u tkattar l-attività ekonomika kif inhu xieraq li jsir sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-futur tal-Libjani nfushom.”
Tul din iż-żjara saret laqgħa mal-Isqof fi Tripli, Mons. George Bugeja kif ukoll mal-Amministratur Appostoliku f’Benghazi Fr Sandro Overend. Saru wkoll laqgħat ma’ uffiċjali għolja fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali u ministeri oħra fi Tripli.
L-Ambaxxatur għal Malta Charles Saliba ffaċilità li jsiru dawn il-laqgħat u akkumpanja lid-delegazzjoni li kienet komposta minn tliet uffiċjali oħra. Din iż-żjara tkompli tawgura tajjeb fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja filwaqt li minnha nnifisha hija turija ċara tal-impenn sħiħ li Malta qed toffri bil-għan li tkattar il-paċi, id-djalogu u r-rabtiet ekonomiċi ma’ dan il-pajjiż ġar tagħna.