Il-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana żaret il-Victoria Scout Group fil-kwartieri moderni tagħhom fir-Rabat, Ghawdex.
Waqt laqgħa li kellha mal-bord tad-diretturi, ġie spjegat lilha l-programm li jitfassal mid-diversi sezzjonijiet tal-grupp, bil-għan li l-ħin li dawn jgħaddu fl-iscouting, ikun edukattiv u pożittiv għall-aħħar. Flimkien ma` inizjattivi `l barra mill-kwartieri, l-iscouts insibuhom dejjem preżenti f`okkażjonijiet ta` bixra nazzjonali. Ikun b`dan il-mod li jrawwmu sens ċiviku. Fuq kollox, jitħarrġu sabiex ikunu indipendenti kif dejjem saħaq il-fundatur tal-moviment Lord Baden Powell li għal xi żmien kien stazzjonat f`Malta.
Il-Ministru Justyne Caruana żaret sezzjonijiet differenti u tkellmet ma` bosta Scouts dwar il-ħidma li jwettqu għall-ġid tas-soċjetà. Lorrie Saliba, l-group scout leader, spjega kif minn età` żgħira, it-tfal membri jgħaddu minn sezzjoni għall-oħra u dejjem iżidu responsabiltajiet differenti.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Justyne Caruana esprimiet ix-xewqa li l-iScouts ikunu iktar viżibbli f’attivitajiet u kampanji li jigu organizzati mill-Gvern. Ewlenin fosthom hija l-kampanja ta’ għarfien tal-indafa u tindif li l-Ministeru għal Għawdex inbarka fuqha f’dawn l-aħħar ġranet. I-iScouts digà jagħmlu attivitajiet ta’ clean ups minn żmien għal żmien u għalhekk ikun idejali li l-iScouts jingħaqdu uffiċjalment mal-Gvern f’din il-missjoni komuni.
Il-Ministru Justyne Caruana faħħret l-impenn soċjali li għandhom l-iScouts għax qed irawwmu ġenerazzjoni ta’ tfal li jkunu indipendenti u jkollhom life skills li jgħhinuhom matul ħajjithom kollha, inklużi d-dixxiplina, is-solidarjetà u inklużjoni
Hija rringrazzjat lill-iscouts tal-belt Victoria għall-akkoljenza sabiħa li tawha filwaqt li ħeġġet lil din l-għaqda mhux governattiva sabiex tibqa` tħares `l quddiem b`fiduċja, mhux biss għall-ġid tal-membri nnifishom, iżda anke għall-progress tal-gżira li tagħha jiffurmaw parti.