Fil-Jum Dinji għas-Saħħa u s-Sigurtà, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, żar il-kumpanija rinomata Foster Clarks, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, l-OHSA, Josianne Cutajar.
L-iskop taż-żjara, bħal oħrajn, hu li jiġu apprezzati ħaddiema fuq lantijiet tax-xogħol differenti fejn is-saħħa u s-sigurtà tagħhom kollha qed tiġi salvagwardjata.
Il-Ministru nnota l-investiment kontinwu li twettaq il-kumpanija mhux biss fl-operat, imma wkoll fl-impjegati tagħha fejn, minkejja l-impenji ta’ produzzjoni, xorta jiġi allokat l-ħin biex il-ħaddiema jiġu aġġornati dwar prattiċi tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
“F’dawn il-jiem, li ħa jwassluna biex niċċelebraw Jum il-Ħaddiem, kien opportun li nkomplu nżuru kumpaniji Maltin, bħall-Foster Clarks, li huma eżemplari mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ saħħa u sigurtà, imma anke l-fatt jivvalorizzaw il-ħaddiema u l-impjegati tagħhom.”
Il-Ministru Jonathan Attard

Waqt din iż-żjara ġie nnotat li jeżistu diversi riskji għal tipi differenti ta’ xogħol li, għalkemm ma nkunux daqstant konxji dwarhom, ikunu ta’ periklu għas-saħħa tal-ħaddiema.
Dawn jinkludu riskji minn kimiċi, mikrobi u materjal, li jistgħu jikkawżaw mard respiratorju u anke problemi fil-ġilda tal-ħaddiema jekk ma jkunux ikkontrollati.
Id-Direttur tal-Operat tal-kumpanija, Paul Demanuele, irrikonoxxa l-impenn tal-Gvern li jirriforma s-settur.
F’dan il-kuntest, kien spjegat kif il-kumpanija perjodikament torganizza sezzjonijiet ta’ għarfien u taħriġ għal madwar 400 impjegat magħha f’taqsimiet varji.