Iċ-ċentru ta’ Spero huwa ħolqa fil-katina ta’ servizzi għal persuni b’diżabilità u fih jilqa’ persuni neqsin mid-dawl. Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, żar dan iċ-ċentru sabiex jiltaqa’ ma dawk li jattendu regolarment u josserva l-attivitajiet li jsiru flimkien mas-sapport workers li jaħdmu fi ħdan Aġenzija Sapport.
Iċ-ċentru ta’ Spero jilqa’ fih madwar 20 persuna li lkoll igawdu minn servizzi varji ta’ tagħlim jew ta’ eżerċizzju fiżiku taħt il-ħarsien ta’ teamddedikat. Agius Decelis osserva l-attivitajiet li jsiru f’dan iċ-ċentru fosthom; xogħol tal-fuħħar, arti, qari bil-Braille u Yoga. Is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza tas-servizzi fil-komunità sabiex wieħed itejjeb l-inklużjoni tiegħu fis-soċjetà. Qed isiru wkoll sezzjonijiet ta’ taħriġ fl-ICT li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fid-dinja tax-xogħol.
Agius Decelis kkummenta dwar kemm f’iċ-ċentru Spero tispikka l-għaqda bejn il-membri għax apparti s-servizzi, għan importanti ieħor hu li kull min jattendi ċ-ċentru, jibni relazzjonijiet b’saħħithom ma’ membri oħra sabiex isibu l-kuraġġ f’xulxin u jaqsmu l-esperjenzi tal-ħajja, flimkien mal-carers itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.