Nhar it-Tnejn, 24 ta’ Frar, il-Laboratorji tal-Konservazzjoni f’Bighi, se jiftħu l-bibien tagħhom esklussivament għal dawk l-istudenti li għandhom il-Viża ta’ Heritage Malta. Dan l-avveniment hu bla ħlas iżda jeħtieġ biljett biex wieħed jattendi.
Din il-viża tingħata lill-istudenti meta jikkollezzjonaw għaxar timbri differenti waqt iż-żjajjar tagħhom f’għaxar siti u mużewijiet varji ta’ Heritage Malta. Kull student jista’ jiġi akkumpanjat minn adult għal din l-okkażjoni speċjali.
Id-Diviżjoni tal-Konservazzjoni hija fdata bir-responsabbiltà li tipprovdi konservazzjoni preventiva, servizzi ta’ konservazzjoni u restawr, u servizzi djanjostiċi xjentifiċi fil-mużewijiet u s-siti varji ta’ Heritage Malta. Il-funzjonijiet primarji ta’ din id-diviżjoni jinkludu l-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni, il-moniteraġġ u l-implimentazzjoni ta’ proġetti magħżula relatati mal-konservazzjoni u r-restawr. Id-Diviżjoni tal-Konservazzjoni tikkoopera wkoll ma’ entitajiet oħra li huma involuti f’attività ta’ konservazzjoni u restawr, kemm f’Malta u kif ukoll barra l-pajjiż.
L-istudenti se jżuru sezzjonijiet differenti fi ħdan id-Diviżjoni tal-Konservazzjoni li jkopru l-pittura u statwi polikkromi, l-injam, it-tessuti, il-karta u l-oġġetti (ħġieġ, metall, ġebel u ċeramika).
Se jkun hemm erbgħa sessjonijiet fid-9:00, fl-10.00, fil-11:00 ta’ filgħodu u f’nofsinhar. Sa massimu ta’ 10 studenti jistgħu jattendu kull sessjoni. Il-parteċipanti huma mitluba li jkunu fil-ħin.
Il-biljetti jistgħu jiġu akkwistati minn kull sit u mużew ta’ Heritage Malta. Mhux se jkun hemm il-possibilitá li takkwista biljetti mis-sit dakinhar. Dawn il-biljetti flimkien mal-Passaport u l-Viża ta’ Heritage Malta għandhom jiġu ppreżentati biex jinkiseb aċċess għal dan l-avveniment.
Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lil passport@heritagemalta.org