Aktar minn mitt xjentist qablu li l-logħob Olimpiku, li sa issa se jsir fil-Brażil, għandu jsir f’pajjiż ieħor, jew inkella jkun pospost, minħabba l-virus Zika.
Il-grupp ta’ xjentisti bgħatu ittra lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa, fejn qalu li l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dan il-virus jagħmluha immorali li l-logħob Olimpiku jsir xorta fil-Brażil.
Appellaw lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa biex b’mod urġenti, tirrevedi l-linji gwida tagħha fuq il-virus Zika; liema virus huwa konness ma’ difetti tat-twelid.
Il-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob Olimpiku qal li ma jarawx raġunijiet validi għaliex il-Logħob Olimpiku għandu jkun pospost jew immexxi għal pajjiż ieħor minħabba z-Zika.
L-ittra hija ffirmata minn mija ħamsa u għoxrin xjentist rikonoxxut internazzjonalment; bil-maġġoranza tagħhom gradwati minn Universitajiet u istituzzjonijiet bħal Oxford, Harvard u Yale fl-iStati Uniti.
It-tifqiegħa tal-virus Zika tmur lura għal iktar minn sena ilu fil-Brażil, għalkemm illum –il ġurnata, kienu rrappurtati każi ta’ dan il-virus f’aktar minn sittin pajjiż.