L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ħarġet lista ta’ pajjiżi li l-aktar li huma f’periklu li jkunu affetwati mill-virus Zika.
Pajjiżna jinsab fil-lista ta’ dawn f’riskju moderat. Dawn jinkludu Franza, l-Italja, Malta, il-Kroazja, Spanja, Monako, San Marino, it-Turkija, il-Greċja, l-Iżvizzera, l-Iżrael, il-Bulgarija u l-Islovenja.
In-nemusa li l-iktar li ġġorr il-virus tisab biss f’Madiera u fiż-żoni madwar il-Baħar l-Iswed. Madanakollu, tip ta’ nemusa oħra bl-isem Aedes albopictus, tista’ wkoll iġġorr il-virus, u din tinsab fin-nofsinhar tal-Ewropa. Il-WHO twissi pajjżi lil Franza u pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa biex ikunu viġilanti.
Il-virus Zika hu trasmess minn ċerti tipi ta’ nemus. Is-sintomi jinkludu deni, uġigħ u għajnejn ħomor. Mhux komuni li minħabba l-infezzjoni persuna jkollha tmur l-isptar, u l-imwiet kaġun tal-infezzjoni huma rari. Zika tikkawża dik li tissejjaħ ‘Microcephaly’, ċioe problemi fl-iżilupp tat-trabi jekk toħroġ f’nisa tqal. Jekk il-virus jinqabad minn min mhux qiegħed iġorr tarbija, dan jista’ ma jħoss ebda sintomi.
L-aħbar qabdet sew mal-mezzi tax-xandir Ingliżi, li osservaw li mal-450,000 turist Ingliż jiġi Malta kull sena.
Fi Frar li għadda d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħabbar it-twaqqif ta’ working group bejn l-awtoritajiet tas-saħħa u l-Università ta’ Malta biex jagħti pariri dwar miżuri ta’ kontroll għall-virus Zika. L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin jinsabu f’kuntatt dirett maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard biex isegwu s-sitwazzjoni.
L-awtoritajiet Maltin huma tal-parir li dawk li qed jippjanaw li jmorru fil-pajjiżi milquta jieħdu miżuri biex ma jingidmux min-nemus. Dawn jinkludu repellents, użu ta’ qomos bil-kmiem twal u qliezet twal, u anke nets kontra n-nemus.
Dawk b’mard kroniku jew li jaffettwa l-immunità għandhom jikkonsultaw mat-tabib tagħhom qabel ma jsiefru. Nisa tqal jew li qed jippruvaw joħorġu tqal għandhom jikkunsidraw li jipposponu l-vjaġġ tagħhom.
Dawk il-vjaġġaturi li jkollhom xi sintomi fi żmien tliet ġimgħat minn meta jiġu lura Malta għandhom jaraw tabib. Nisa tqal li diġà żaru l-pajjiżi affettwati għandhom jgħidu b’dan lit-tabib tagħhom.
Tomorrow’s front page: Zika heading to the Med #tomorrowspaperstodayhttps://t.co/pLLIMU6sFupic.twitter.com/IyOAaIu5uw
— Daily Mirror (@DailyMirror) May 18, 2016