Sid iż-żiemel li miet dalgħodu wara li waqa’ mill-għoli minn għalqa għat-telgħa li mix-xatt tal-Imsida twassal sa ħdejn l-Università, qal lil One News li hu u l-familja tiegħu jinsabu mifxulin u mnikktin wara li tilfu lil Teddy, iż-żiemel ta’ madwar 12-il sena li kienu jgħożżu.
Joseph Galea qal li ‘Teddy’, kif kien jismu ż-żiemel, kien bhima mansa u fidila, li l-hena tiegħu kienet li jilgħab man-neputi ċkejken tiegħu. Żied jgħid li ż-żiemel ilu s-snin iqatta’ parti mill-jum f’din l-għalqa biex jistrieħ, u ma jistax x’jifhem x’wasslu biex jisfratta u jispiċċa fit-triq.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30 tat-Tnejn filgħodu fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Kawża ta’ hekk, in-naħa tat-triq fid-direzzjoni lejn l-iskatepark ingħalqet għat-traffiku għal xi ħin. Il-pulizija marret fuq il-post biex tikkontrolla t-traffiku.
Bil-każ ġie informat id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali fejn spetturi tal-istess Dipartiment se jkunu qed jagħmlu spezzjoni għand is-sid u fejn kien jinżamm iż-żiemel.
Ritratt: PBS