Minkejja sforzi kontinwi biex nipproteġu lill-annimali, jifdal persuni li għadhom juru moħqrija fil-konfront ta’ dawn il-ħlejjaq, kif inhi l-istorja sfortunata ta’ żiemel, li miet fl-Ewwel tas-Sena, wara żmien twil ibati l-ġuħ u nixfa b’nuqqas ta’ ilma, tant li spiċċa jiekol il-ġebel, il-ħġieġ u l-injam biex jipprova jkampa fil-post fejn kien qed jinżamm.
Korin Farrugia, li taħdem favur żwiemel abbandunati, qasmet id-dettalji traġiċi fuq post li hi stess tellgħet fuq Facebook.
Qalet li, minkejja l-isforzi minn grupp li damu sigħat sħaħ jipprovaw isalvaw liż-żiemel, li nstab abbandunat, dan spiċċa waqa’ mal-art u miet fuq il-post.
F’messaġġ ta’ rabja u dieqa, Farrugia rringrazzjat lil “nies speċjali” u lil veterinarju li qattgħu l-Ewwel Jum tas-Sena jissieltu biex jipprovaw jsalvaw ħajjet iż-żiemel.
Din ma kinitx l-ewwel darba li Farrugia ġiet wiċċ imb’wiċċ ma’ dan iż-żiemel partikolari, dan hekk kif, is-sidt oriġinali kienet avviċinatha sentejn ilu biex tfittex rehoming fis-santwarju tagħha.
Sfortunatament, Farrugia dak iż-żmien ma setgħetx tieħdu għaliha minħabba spazju limitat, li wassal għal rehoming fil-post fejn żvolġiet it-traġedja tiegħu. Hekk kif kitbet li tinsab ddispjaċuta li saret taf iktar tard fuq il-kundizzjoni taż-żiemel.
Ħafna mill-kummenti tal-post rringrazzjaw lil Farrugia għax-xogħol li għamlet u jappellaw għal aktar regolamenti u penali aktar stretti fuq traskuraġni u abbuż tal-annimali.