Bil-miżuri fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika li ħabbar il-Gvern f’Ġunju li għadda, il-fabbrika ta’ E&L Enterprises fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far mhux biss żammet lill-ħaddiema kollha tagħha, li jgħoddu għal sebgħin, imma saħansitra ingaġġat ħamsa u għoxrin ħaddiem ieħor fis-sena tal-pandemija.
Dan intqal waqt żjara li għamel f’din il-fabbrika, il-Prim Ministru Robert Abela, li rringrazzja lill-ħaddiema kollha tar-reżiljenza li wrew u għadhom qed juru matul dan iż-żmien.
Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon kif din l-intrapriża ma qatgħetx qalbha mill-isfidi li affaċċjat id-dinja fl-aħħar sena, u kompliet tinvesti fil-ħaddiema, li fi kliemu huma l-aqwa riżorsa tal-pajjiż.
Id-Direttur tal-kumpanija, Joseph Camilleri, wera l-apprezzament tiegħu għall-miżuri ekonomiċi li ħabbar u implimenta l-Gvern tul il-pandemija, li permezz tagħhom il-kumpanija setgħet tkompli għaddejja bil-pjan mingħajr telf ta’ żmien.
Il-kumpanija E&L Enterprises toffri servizzi ta’ manifattura fis-settur tal-ħadid, inkluż fis-settur tal-kostruzzjoni.
Matul is-sena li għaddiet, il-kumpanija kompliet tinvesti f’makkinarju ġdid fil-qtugħ tal-ħadid u tgħawwiġ ta’ travi ta’ qisien differenti.