Għal xahar ieħor, pajjiżna rreġistra żieda ta’ kważi sitta fil-mija fin-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna.
Dan hekk kif matul ix-xahar ta’ Novembru tas-sena li għaddiet, żaru lil pajjiżna mal-mija u sebgħa u sebgħin elf turist.
Minn statistika mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika rriżulta li b’kollox saru mija, ħamsa u erbgħin elf, sitt mija u tletin vjaġġ turistiku lejn pajjiżna għal skopijiet ta’ vaganza filwaqt li għoxrin elf, mitejn u tmienja u ħamsin saru għal raġunijiet ta’ negozju.
It-turisti minn stati membri tal-Unjoni Ewropea li żaru lil pajjiżna żdiedu b’sitta punt tnejn fil-mija għal kważi mija u ħamsin elf meta mqabbel max-xahar ta’ Novembru tas-sena elfejn u sbatax.
Il-biċċa l-kbira tat-turisti li żaru lil Malta kellhom bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena hekk kif dawn ammontaw għal erbgħin punt tnejn fil-mija tat-turisti li ġew f’pajjiżna f’Novembru li għadda.
In-numru totali ta’ ljieli li qattgħu f’pajjiżna t-turisti f’dan ix-xahar żdied bi tmienja fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena elfejn u sbatax u qabeż il-miljun u mitt elf lejl.
In-nefqa totali tat-turisti kienet ta’ kważi mija u erbgħa u għoxrin miljun ewro li tfisser żieda ta’ tnejn punt sitta fil-mija max-xahar ta’ Novembru tal-elfejn u sbatax.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll kif il-vjaġġi turistiċi lejn Malta għall-ewwel ħdax-il xahar tas-sena elfejn u tmintax laħqu kważi iż-żewġ miljun u ħames mitt elf vjaġġ, li jfissru żieda ta’ erbatax punt ħamsa fil-mija fuq l-istess perjodu tal-elfejn u sbatax.
It-total ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Malta fl-istess perjodu żdied bi tnax punt sitta fil-mija u laħaq kważi is-sbatax punt sebgħa miljun lejl.
In-nefqa totali tat-turisti kienet ta’ żewġ biljun ewro f’dawn il-ħdax-il xahar li tfisser tmienja punt tnejn fil-mija aktar minn nefqa tal-elfejn u sbatax.