Matul is-sena skolastika 2017 u l-2018 kien hemm 56,715 irreġistrati fl-iskejjel tal-kindergarten, primarji u sekondarji.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li dan in-numru fisser żieda ta’ 1.9% iktar mis-sena akkademika ta’ qabel.
Imqabbel mas-sena akkademika ta’ qabel, l-istudenti fl-iskejjel primarja żdiedu bi kważi 2.9% filwaqt li dawk fis-sekondarja żdiedu b’0.5%.
L-iskejjel tal-Gvern kienu l-aktar li rċievew tfal 58.1%, segwiti mill-iskejjel tal-Knisja 28.7% u dawk indipendenti 13.2%.
Fl-iskejjel tal-Knisja kien hemm l-akbar klassijiet, bl-NSO jgħid li kien hemm klassijiet li n-numru medju tagħhom kien ta’ iktar minn 25 student.
L-aktar lokalità li fiha kien hemm skejjel li jilqgħu studenti kienet Pembroke, segwita minn Birkirkara u l-Ħamrun.
L-NSO innota wkoll żieda ta’ 16.5% fin-numru ta’ studenti barranin.
L-istatistika wriet li 11% tal-istudenti fil-iskejjel tal-kindergarten, primarji u sekondarji kienu barranin.
Il-biċċa l-kbira tal-istudenti kienu Taljani, Ingliżi u Libjani.
Kien hemm anki 155 student Svediż jattendu fl-iskejjel f’Malta.
L-aktar lingwa barranija magħżula, apparti ż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna kienet it-Taljan, segwita minn dik Franċiża u Ġermaniża.