Il-Kunsilli Lokali tal-ibliet u l-irħula Maltin se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn żieda ta’ €6.5 miljun. Dan joħroġ mill-estimi tal-baġit li juru li l-Gvern alloka fost oħrajn aktar minn €3 miljun għall-Kunsilli Reġjonali.
Din hija l-ewwel darba li l-Kunsilli Reġjonali qed jingħataw għajuna finanzjarja.
Fi stqarrija, is-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi x-xogħol li l-Kunsilli Lokali qed jagħmlu b’risq il-lokalitajiet tagħhom.
Intqal li dan seħħ b’kuntrast ma’ dak li għamel Gvern Nazzjonalista fejn irrenda s-sistema ta’ infurzar lokali bħala l-uniku dħul għall-Kunsilli Reġjonali.
L-istess estimi għas-sena d-dieħla juru żieda ta’ €2 miljun f’dik li hija allokazzjoni diretta għall-Kunsilli Lokali, fejn ras għal ras, il-Kunsilli se jkunu qed jaraw żieda ta’ kważi €30,000 kull wieħed.
Miljun ewro oħra qed jingħataw għall-ewwel darba biex il-Kunsilli Lokali jkunu mgħejjuna fis-separazzjoni tal-iskart.
Dan kollu barra żieda fl-allokazzjoni għal inizjattivi kulturali, għall-iskema biex aktar ħaddiema jiġu inklużi fil-komunità, u allokazzjoni ġdida ta’ €200,000 biex il-Gvern jgħin lill-Kunsilli lokali jmantnu progetti kapitali tal-Gvern.
Il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista, Mario Fava, innota li l-investiment ta’ €100 milljun fis-sena li se jagħmil il-Gvern biex jibni t-toroq kollha ta’ pajjiżna, se jħallu €7.5 miljun oħra fil-but tal-Kunsilli Lokali.
Dan flimkien ma’ fond ta’ kważi €28 miljun oħra fil-fond tal-ippjanar li huma għad-dispożizzjoni tal-Kunsilli Lokali.