L-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-servizzi finanzjarji Silvio Schembri poġġa fuq il-mejda tal-kamra rapport annwali tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA u r-Rendikonti Finanzjarji għas-sena finanzjarja sa tmiem l-elfejn u tmintax.
F’dan ir-rapport ħareġ li Malta rnexxielha tikkonsolida u tkabbar l-industrija tas-servizzi finanzjarji b’mod sinifikanti u notevoli.
Fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari qal li punt interessanti li ħareġ mir-rapport kien iż-żieda ta’ elf impjieg ġdid li nħolqu sa tmiem is-sena li għaddiet
Qal li “F’dawn l-aħħar xhur kien hemm diversi ristrutturar biex ngħidu hekk fl-MFSA. Dan wassal biex bħala pajjiż niksbu riżultati pożittivi fis-settur tas-servizzi finanzjarji li minkejja forsi fuq livell internazzjonali dak ma kienx żmien daqshekk tajjeb għal dan is-settur, stajna naraw f’pajjiżna komplejna niksbu riżultati pożittivi. Filfatt sas-sena elfejn u tmintax, sal-aħħar tas-sena elfejn u tmintax is-settur kiber, kiber b’rata ta’ għaxra fil-mija iktar mis-sena ta’ qabel li kienet ukoll sena tajba pero wkoll żdiedu l-impjiegi.”
Id f’idi mar-ristrutturar li sar fl-MFSA fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar il-forum konsultattiv li se jservi bħala punt għal diskussjoni bejn il-Gvern, ir-regolatur u l-industrija sabiex flimkien tinbena strateġija għall-għaxar snin li ġejjin għas-settur tas-servizzi finanzjarji.
Is-Segretarju Parlamentari qal dan fi sfond taż-żieda tar-reġistrat tal-kumpaniji li issa laħaq in-numru ta’ ftit aktar minn mitt kumpanija fil-ġimgħa.
Schembri qal kif “Stajna naraw żieda ta’ kważi erbgħin fil-mija mis-sena elfejn u tlettax sal-lum, f’perjodu ta’ sitt snin. Fejn hemm hekk illum qed naraw li lħaqna madwar, kif qed tgħid tajjeb inti, madwar mija u ħames kumpaniji ġodda fil-ġimgħa. U dan ifisser, apparti uħud minnhom sostanzjali wkoll f’dan is-settur, tas-settur tas-servizzi finanzjarji, pero wkoll qed naraw f’setturi oħra wkoll li l-ekonomija robusta tagħna li qed tkompli tikber.”
Sa tmiem is-sena l-oħra l-qasam tas-servizzi finanzjarji qalla’ l-ħobża ta’ kuljum li madwar tnax-il elf persuna.