Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-investiment fuq is-sigurtà soċjali kien €980.4 miljun. Dan hekk kif komplew jitwessgħu iżjed il-benefiċċji fix-xibka soċjali, magħrufa wkoll bħala l-Welfare State.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, urew li kien hemm żieda ta’ €78.8 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan hekk kif fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra, l-investiment fil-benefiċċji soċjali kien ta’ €901.5 miljun.
F’dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn erbgħa u ħamsin miljun f’benefiċċji kontributorji, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan filwaqt li kien hemm żieda ta’ kważi ħamsa u għoxrin miljun ewro, meta mqabbel ma’ Jannar u Settembru tas-sena l-oħra.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ li l-akbar żieda rreġistratrata kienet dik fil-pensjonijiet tal-irtirar. Dan hekk kif f’dawn l-ewwel disa’ xhur tas-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn tnejn u tletin miljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Kien hemm ukoll żieda sinifikanti fil-benefiċċju soċjali tal-Carer’s Grant fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena.
Dan hekk kif kien hemm żieda ta’ kważi seba’ mija ħamsin elf ewro. Dan hekk kif fil-baġit għal din is-sena, dan il-benefiċċju telgħa għal erbat elf u ħames mitt ewro, minn ħames mitt ewro.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ ukoll li fil-benefiċċju tal-In-Work Benefit kien hemm żieda ta’ aktar minn sitt miljun ewro, meta mqabbel mal-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra.
Dan l-investiment fis-sigurtà soċjali mistenni jkompli jiżdied bil-baġit għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat fil-Parlament, nhar it-Tnejn li ġej mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.