Il-kunsilli lokali se jaraw żieda fl-akkoazzjoni finanzjarja għas-sena elfejn u dsatax. Matul is-sena d-dieħla l-kunsilli lokali ser jirċievu żieda ta’ €7 miljun biex issa l-allokazzjoni tammonta għal €53 miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li din l-ikbar żieda li qatt ingħatat turi l-impenn tal-gvern biex il-kunsilli lokali jerġgħu jieħdu r-ruħ u jkunu fuq quddiem fl-aġenda nazzjonali. Din l-allokazzjoni tisboq dik li kienet saret mill-gvern nazzjonalista meta fl-aħħar riforma l-allokazzjoni kienet tammonta għal €5.6 miljun.L-allokazzjoni finanzjarja diretta lill-Kunsilli Lokali se tkopri it-tisbiħ u manutenzjoni tal-parki u l-ġonna; il-manutenzjoni tat-toroq u infrastruttura; l-immaniġġjar tal-iskart u l-amministrazzjoni.
Is-Sur Parnis saħaq dwar l-importanza li l-fondi allokati għall-funzjonijiet speċifiċi jintużaw għall-għan li għalih qed jingħataw. Fir-rigward tat-toroq, minħabba l-proġett li l-Gvern Ċentrali qed iwettaq, kull Kunsill se jiġi kkonsultat dwar it-toroq fil-lokalità tiegħu.
Minbarra ż-żieda fl-allokazzjoni diretta, il-kunsilli lokali ser ikunu qedgħin jingħataw għajnuna u fondi għal skemi oħra bħal l-iskema ta’ Impjieg Inkluż fil-Komunità u sabiex isiru bins tas-separazzjoni tal-iskart f’postijiet pubbliċi fil-lokalitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis fakkar ukoll li hemm il-fond tal-ippjanar li jlaħħaq mat-€28 miljun u li jinsab għad-dispożizzjoni tal-kunsilli lokali.
Huwa appella lill-Kunsilli biex kulħadd jikkopera u jagħmel l-almu tiegħu sabiex ir-riforma li qed issir fil-kunsilli lokali tirnexxi.
Tħabbar ukoll li fil-pass li jmiss fir-riforma tal-gvern lokali, il-Gvern qed jaħdem sabiex is-Segretarji Eżekuttivi jsiru full time.