Matul l-2015 Malta kellha investiment dirett barrani, esklużi movimenti fis-settur finanzjarju, ta’ madwar €363 miljun. B’kuntrast, fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, kien hemm tnaqqis ta’ investiment dirett barrani ta’ €84 miljun.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul din l-amministrazzjoni l-valur ta’ investiment dirett barrani, esklużi movimenti fis-settur finanzjarju, tela’ għal €3.2 biljun, żieda ta’ €680 miljun jew 27%. Kważi nofs din iż-żieda kienet fil-qasam tal-manifattura. Fost is-setturi tas-servizzi ġew irreġistrati żidiet tajbin fl-akkomodazzjoni, fl-informatika u l-komunikazzjoni, kif ukoll fit-trasport.
Fi stqarrija l-Gvern qal li dawn ir-riżultati jikkonfermaw kemm pajjiżna qed igawdi minn klima ta’ fiduċja li tattira investituri barranin biex jagħżlu lil Malta, jiġġeneraw l-impjiegi, u joħolqu l-ġid. L-investiment dirett barrani żviluppa b’mod qawwi f’oqsma ġodda bħall-enerġija. Permezz ta’ dan l-investiment raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-Enemalta reġgħet lura fuq saqajha, u qed issir il-qalba għall-gass.
L-istess qed isir fis-settur tas-saħħa fejn b’investiment dirett barrani pajjiżna se jkollu sptarijiet ġodda minflok St Luke’s, Karen Grech u l-Isptar ta’ Għawdex, sabiex ikompli jindirizza l-istennija esaġerata u l-pazjenti fil-kurituri li żviluppaw taħt amministrazzjonijiet preċedenti. L-iskola rinomata internazzjonalment Bart’s ukoll għażlet lil pajjiżna biex tħarreġ l-istudenti fil-mediċina f’Għawdex, filwaqt li l-Università Amerikana f’Malta se tfisser investiment dirett barrani, din id-darba fil-qasam edukattiv u r-riġenerazzjoni tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Il-Gvern qal li bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu, pajjiżna llum huwa l-aqwa fl-Ewropa, bl-ogħla tkabbir ekonomiku u bl-inqas livell ta’ qgħad. Il-bidla pożittiva trid tkompli sseħħ biex il-familji u n-negozji tagħna jkomplu mexjin ‘il quddiem u jagħmlu suċċess f’ħajjithom.