Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-għajnuna soċjali żdiedet bi kważi sitta u sittin miljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Dan ifisser żieda ta’ kważi sitta u għoxrin fil-mija.
Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
B’kollox, bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, in-nefqa soċjali kienet ta’ kważi tliet mija u tnejn u għoxrin miljun ewro. Fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet, l-għajnuna soċjali laħqet il-mitejn u sitta u ħamsin miljun ewro.
Skont din l-istatistika tal-NSO, il-benefiċċji kontributorji bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena żdiedu b’iżjed minn sitta u sittin miljun ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
L-akbar investiment mill-Gvern fl-ewwel tliet xhur tas-sena kien dak fil-pensjonijiet. Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ iżjed minn sebgħa u ħamsin miljun ewro, meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tal-elfejn wieħed u għoxrin.
Din iż-żieda fl-investiment tal-Gvern fil-pensjonijiet hija minħabba l-fatt li, għal darba oħra, fil-Baġit għal din is-sena l-pensjonijiet żdiedu għal darb’ oħra.
L-akbar għajnuna f’dawk li huma benefiċċji mhux kontributorji kienet fiċ-children’s allowance, bil-Gvern jinvesti iżjed minn disa’ miljun ewro.
Dwar din l-istatistika tkellimna mal-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, li spjega kif iż-żieda fin-nefqa soċjali qed tħalli r-riżultati.
Qal, “L-ammont ta’ flus li ġew investiti u anki l-benefiċċji soċjali, dejjem qed naraw żieda konsiderevoli. Barra minn dan, imbagħad, min-naħa l-oħra, qed jirnexxilna wkoll illi dawk li jkunu jiddependu għall-għajxien fuq il-benefiċċji soċjali illi jonqsu. Ifisser illi l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern, u li se jkompli jagħti l-Gvern, hija verament waħda b’saħħitha. Ovvjament, jibqa’ dejjem x’nagħmlu, imma fuq kollox jidher li r-riżultati u n-nefqa soċjali qed iħallu l-effett mixtieq.”
Dwar l-infiq fuq il-pensjonijiet, il-Ministru Michael Falzon qal kif il-Gvern se jkompli jżidhom sena wara sena.
Qal, “Ħaddieħor ħallihom 22 sena mingħajr ma żiedhom xejn. Dan il-Gvern għamel pledge fil-manifest elettorali tal-2017 u wettaqnih, u hemm pledge ieħor illi għamilna fil-programm elettorali fl-aħħar elezzjoni. Hemm pledge li huwa aktar b’saħħtu u dak ukoll se nwettquh.”