L-Awtorita’ Maltija għal-logħob, l-MGA ġġenerat dħul totali ta’ aktar minn sitta u sittin miljun ewro minn ħlas ta’ liċenzji, mit-taxxa tal-logħob u minn tariffi u multi amministrattivi oħra.
Dan irriżulta mir-rapport annwali tas-sena li ntemmet fl-aħħar ta’ Diċembru tal-elfejn u sbatax u tirrapreżenta żieda ta’ tliet miljun u seba’ mitt elf ewro jew sitta fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Matul l-2017, kien imfisser kif l-MGA iffukat fuq it-tisħiħ tas-sistemi tal-informazzjoni teknoloġika tagħha.
Fl-istess sena li s-settur kien taħt attakk kontinwu mill-Oppożizzjoni li matulu kien allegat li ser jitilqu bosta kumpaniji tal-gaming minn pajjiżna, mir-rapport irriżulta li l-kontribuzzjoni diretta mill-industrija tal-logħob fl-ekonomija Maltija kienet stmata li taqbeż il-biljun ewro fl-2017, b’madwar disat elef u tmien mitt impjieg ‘full-time’ kienu maħluqa fi ħdan operaturi li jaħdmu fis-settur b’mod dirett u f’negozji oħrajn li huma assoċjati.
F’Jannar tas-sena li għaddiet ukoll, l-MGA nediet reġim regolatorju ta’ liċenzjar, abbażi tar-Regolamenti dwar Logħob ta’ Abbiltà għas-settur onlajn tal-logħob ta’ abbiltà.
Tfassal ukoll studju dettaljat li analizza l-applikazzjoni ta’ ‘Distributed Ledger Technology’ u l-użu ta’ ‘cryptocurrencies’ f’ambjent ‘sandbox’, bil-għan li joħorġu linji gwida f’dan ir-rigward.
Barra minn hekk, matul is-sena li għaddiet, l-MGA saħħet aktar l-mekkaniżmi superviżjorji tagħha inkluż limplimentazzjoni tar-raba’ direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-Ħasil tal-Flus.
Dan kien jinvolvi koperazzjoni mal-Financial Intelligence Analysis Unit biex ikunu żviluppati prattiċi u proċeduri, linji gwida speċifiċi għas-settur, u superviżjoni konġunta;
L-aħħar u mhux l-inqas, kien elenkat kif l-aktar kisba importanti tal-MGA kienet il-finalizzazzjoni tal-Att il-Ġdid dwar il-Logħob li kien imressaq fil-Parlament aktar kmieni dis-sena.
Din il-liġi ġdida hija prevista illi meta tidħol fis-seħħ tul din is-sena, tibdel kompletament il-mod kif l-Awtorita’ tirregola s-settur.