Il-Budget għas-sena elfejn erbgħa u għoxrin fis-settur tal-Kultura u l-kreattivitá se jkun qed jiżdied b’għoxrin miljun ewro f’sena waħda. Dan filwaqt li din iż-żieda tfisser żieda ta’ wieħed u tmenin miljun ewro minn l-aħħar Budget Nazzjonalista.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, waqt l-estimi finanzjarji.
Qal, “Mill-budget ta’ din is-sena għas-sena li ġejja, hemm żieda fis-settur kulturali u artistiku ta’ xejn inqas minn għoxrin miljun ewro. Se nitilgħu għal mija u erbgħa miljun ewro s-sena d-dieħla.”
Semma kif fi tmiem din is-sena se jkun qed jiġi inawgurat il-proġett tal-Palazz tal-President hekk kif bħalissa qed isir xogħol kbir ta’ restawr, xogħol li qatt ma sar fl-istorja. Dan grazzi għal investiment ta’ €30 miljun minn fondi Ewropej u fondi Nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, spjegat kif kienet sena impenjattiva b’ħidma sfieqa mill-Kunsilli Lokali u Reġjonali kollha.
Qalet, “Nemmnu ħafna fil-Kunsilli Lokali u għaldaqstant jien ħerqana biex inkomplu nfasslu l-ideat flimkien u nkomplu naħdmu għall-ġid tar-residenti tagħna.”
Id-Deputat tal-Partit Laburista, Romilda Zarb, tkellmet dwar l-importanza tal-kultura u kif għandna dejjem nippreservaw il-wirt tagħna permezz ta’ aktar investiment.
Qalet, “Il-ħidma ta’ dan il-Gvern, bla dubju tirrifletti l-ħtieġa li nżommu ħaj dan il-wirt u għalhekk inkomplu ninvestu f’dan is-settur.”
Id-Deputat tal-Partit Laburista, Davinia Sammut Hili, tenniet dwar l-importanza tal-Kunsilli Lokali kif ukoll ħeġġet lill-pubbliku biex jikkandida ruħu għall-Kunsilli Lokali, b’mod partikolari liż-żgħażagħ.
Qalet, “Nappella biex ikollna aktar kandidati fil-Kunsilli Lokali li issa wkoll daħħalna l-kariga ta’ Sindku ta’ 16 u 17-il sena, inħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jikkandidaw ruħhom għall-Kunsilli Lokali.”