Il-baġit għas-sena d-dieħla se jżid l-allokazzjoni fis-settur tal-kultura b’€20 miljun meta mqabbel ma’ din is-sena – b’ammont totali ta’ €104 miljun.
Dan intqal mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta Ġusta’.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici tenna li fl-aħħar għaxar snin, pajjiżna esperjenza żieda bla preċedent ta’ karrieri fis-setturi kulturali u kreattivi, fejn l-ammont ta’ persuni li jaħdmu fis-setturi kreattivi aktar milli rdoppjaw.
Hawnhekk semma kif ċifri tal-NSO juru li, waqt li għaxar snin ilu l-ħaddiema f’dan is-settur kienu ta’ ftit aktar minn tlett elef, dan żdied għal kważi sebat elef u mitejn ħaddiem sa Mejju ta’ din is-sena.
“Dan jawgura biex din l-eko-sistema ta’ kultura, ta’ kreattività, li bdejna flimkien, inkomplu mmexxuha ’l quddiem u rridu nkomplu mmexxuha, kemm għax tagħmel sens ekonomiku li jkollna karrieri f’dan is-settur, kemm għax nemmnu li l-espressjoni artistika rridu nikkultivawha u anke għax irridu nsaħħu l-identità tagħna bħala Maltin.”
Il-Ministru Bonnici qal li s-sena d-dieħla se tissokta l-ħidma favur is-soċjetajiet mużikali u għaqdiet oħrajn tal-festa. Hawnhekk semma li wara li ġew salvati s-Soċjetà Mużikali Stella Maris u s-Soċjetà Mużikali de Paule, issa ġew allokati sitt miljun u nofs ewro oħra biex jintużaw għax-xiri ta’ iżjed proprjetajiet li huma mikrijin lil soċjetajiet mużikali u li jinsabu f’riskju li jintilfu minħabba s-sitwazzjoni legali tal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
“Għandna konvenju ma’ ħamsa oħra u qegħdin f’taħditiet ma’ erba’ oħrajn, apparti dawn il-ħamsa u bis-saħħa ta’ dan l-investiment se nkunu nistgħu nsalvaw litteralment dawn is-soċjetajiet li huma importanti.”
Fost oħrajn, il-Ministru responsabbli mill-wirt kulturali semma l-investiment ta’ tliet miljun u nofs ewro għar-restawr tas-swar u postijiet patrimonjali oħrajn.
Qal li għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-ewwel Biennale f’pajjiżna li se jsir is-sena d-dieħla, f’diversi siti madwar il-pajjiż.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru rrefera għal postijiet fejn għaddejjin xogħlijiet importanti fuqhom, fosthom il-Palazz tal-President fil-Belt u fuq l-Ispazju Internazzjonali ta’ Arti Kontemporanja fil-Furjana, il-MICAS.