Bi profitt qabel it-taxxa ta’ tnejn u għoxrin miljun ewro, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-Bank of Valletta ra żieda ta’ €12.7 miljun, jew tmienja u ħamsin fil-mija meta mqabbel mal-ewwel kwart is-sena li għaddiet.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali, il-Ħamis waranofsinhar, li fiha tħabbru r-riżultati tal-ewwel kwart tas-sena.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li dan it-titjib jirrifletti l-irkupru mill-pandemija.
Mit-tagħrif li ġie ppubblikat ħareġ kif id-dħul tal-bank, matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena, kien ta’ iżjed minn tmienja u ħamsin miljun ewro. Dan ifisser żieda ta’ ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Dwar is-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna, il-bank qal li qed ikompli jsegwi l-iżviluppi ġodda li qed iseħħu. Żied jgħid li bħala bank mhuwiex espost b’mod sinifikanti għar-Russja fejn jidħol is-self. Intqal ukoll li r-rabtiet kummerċjali diretti ta’ Malta maż-żewġ pajjiżi involuti direttament fil-kunflitt armat huma żgħar.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll li l-bank għamel simulazzjoni ta’ tliet xenarji biex ikejjel l-impatt indirett tal-gwerra fuq dawk is-setturi li jistgħu jintlaqtu minħabba xkiel fil-provvista ta’ numru ta’ riżorsi jew materjali. Intqal li l-bank huwa sodisfatt li, anki fl-agħar xenarju minn dawn, il-bank ikun kapaċi jassorbi l-impatt negattiv. Madankollu, il-Bank of Valletta se jkompli jsegwi s-sitwazzjoni tal-gwerra mill-viċin minħabba li din għadha fluwida u tista’ potenzjalment tkompli tmur għall-agħar.