Il-Gvern ħabbar iż-żieda fis-sussidju ta’ elf ewro fl-iskema ‘Carer at Home’. Din il-miżura hija parti mill-baġit għal din is-sena, bit-tema ‘Malta Ġusta’.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, li spjega li l-baġit għal din l-iskema telgħa għal €8 miljun, meta qabel kien ta’ €5 miljun.
Il-Ministru Abela sostna li minn meta bdiet din l-iskema minn Gvern Laburista mill-2016, ibbenefikaw aktar minn 1,600 anzjan u bħalissa hemm aktar minn 800 anzjan li qed jibbenefikaw minn din l-iskema. GRAFIKA
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva spjega li permezz ta’ din iż-żieda, dan il-benefiċċju se jitla’ minn €7,000 għal €8,000 fis-sena. Dan filwaqt li dawk il-carers li jaħdmu inqas minn 40 siegħa se jingħataw pro-rata.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega wkoll li dan is-sussidju se jkun imħallas kull xahar u jidħol fil-kont tal-bank kif ikun indikat mill-applikant.
“Aħna nemmnu li l-għajnuna finanzjarja hija pilastru ta’ din l-iskema. Aħna kif ilna ngħidu kommessi li din l-għajnuna, sena wara sena ħa nkomplu nżiduha. Allura kif wegħdna din is-sena li ġejja din iż-żieda ta’ €1,000 fis-sena żgur li ħa tħalli impatt tajjeb.”
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti l-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele, li qal li l-għan hu li l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u qal li din il-miżura hija importanti għal dan il-għan.