Is-sena l-oħra l-investiment tal-Gvern fil-benefiċċji soċjali kien jammonta għal aktar minn biljun u tliet mitt miljun ewro. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn jirriżulta li kien hemm żieda ta’ kważi mitt miljun ewro meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan meta fl-2022, sena wkoll abbundanti fil-benefiċċji soċjali, tali investiment kien jgħodd għal ftit aktar minn biljun u mitejn miljun ewro ewro.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li s-sena l-oħra kien hemm żieda, kemm fil-benefiċċji kontributorji kif ukoll dawk mhux kontributorji, fuq it-tnax-il xahar ta’ qabel.
Fl-elfejn, tlieta u għoxrin, il-benefiċċji kontributorji kienu jgħoddu għal aktar minn biljun ewro u żdiedu b’aktar minn tnejn u sebgħin miljun ewro, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedu b’sitta u għoxrin miljun ewro, hekk kif is-sena l-oħra dawn kien jgħoddu għal kważi mitejn u sebgħin miljun ewro.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li l-akbar żieda rreġistrata kienet dik fil-pensjonijiet tal-irtirar – b’żieda ta’ aktar minn erbgħa u erbgħin miljun ewro .
Dan hekk kif is-sena l-oħra, l-investiment mill-Gvern hawnhekk kien ta’ aktar minn seba’ mija, tnejn u għoxrin miljun ewro.
Din iż-żieda fl-investiment kienet attribwita għal żieda ta’ aktar minn elf u seba’ mitt persuna li bdew jieħdu l-pensjoni taż-żewġ terzi.
B’rabta ma’ din l-aħbar, ONE News ħa r-reazzjoni tal-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon.
“Jekk ma jfisser xejn, ifisser żgur li l-ewwelnett, dak li nwegħdu nwettquh u dak li ngħidu jkun veru, fejn bil-fatti qed nuru li verament dan hu Gvern b’ruħ soċjali, li għandu qalb soċjali fejn għandha tkun, kif qal il-Prim Ministru l-Ħadd li għadda. Bil-fatti għax qed naraw l-akbar żieda li qatt kien hemm f’nefqa ta’ benefiċċji soċjali, mhux biss bħala total, imma wkoll l-akbar żieda li qatt rajna f’sena waħda, qed nitkellmu fuq €100 miljun.”