Sa Settembru li għadda b’kollox mija u mitt elf, tliet mija u ħamsa u erbgħin mara kienu fid-dinja tax-xogħol. Żieda ta’ tlieta punt tlieta fil-mija fuq Diċembru tal-elfejn u dsatax, minkejja l-pandemija.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana f’dokument li tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra fil-Parlament.
Il-Ministru Caruana qal, “Jidher li l-ammont ta’ nisa li jaħdmu bi qliegħ f’pajjiżna bejn Diċembru tal-2019 u Settembru tal-2020 żdiedu bi ftit aktar minn 3,300 biex issa għandna ’l fuq minn 100,000 mara li taħdem bi qliegħ f’pajjiżna.”
Fil-fatt iċ-ċifri juru li f’Diċembru ta’ sentejn ilu kien hemm sebgħa u tmenin elf, ħames mija u sitta u disgħin mara li jaħdmu b’impjieg full-time. Dan in-numru żdied għal aktar minn disgħin elf sa Settembru li għadda minkejja li f’Marzu, Malta bħall-bqija tad-dinja ntlaqtet mill-pandemija.
In-nisa b’impjieg part-time ukoll żdiedu minn għaxart elef erba’ mija sebgħa u tletin għal għaxart elef tmien mija tmienja u tmenin.
Żieda ta’ erba’ mija wieħed u ħamsin impjieg.
Diċembru 2019 | Settembru 2020 | |
Full-Time | 87,596 | 90,457 |
Part-Time Only | 10,437 | 10,888 |
Total | 98,033 | 101,345 |
Din l-informazzjoni tikkumplimenta r-riformi kbar li saru f’pajjiżna sabiex aktar nisa jidħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol. Riformi bħal dik taċ-Childcare b’xejn.
Fil-fatt, grazzi għal dawn ir-riformi, mill-2013 lil hawn pajjiżna ra żieda ta’ sebgħa u għoxrin fil-mija fir-rata ta’ nisa li jaħdmu. Dan filwaqt li erbgħin fil-mija ta’ pożizzjonijiet eżekuttivi u maniġerali huma wkoll okkupati min-nisa.
Fl-aħħar snin ukoll kien hemm tnaqqis drastiku fin-numru ta’ nisa li jinsabu f’riskju ta’ faqar hekk kif dawn naqsu b’madwar ħamsa fil-mija.