Fi Frar, aktar minn mitejn u tnax-il elf turist żaru pajjiżna għal btala. Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, it-Tnejn filgħodu.
Hawnhekk jirriżulta li kien hemm żieda ta’ aktar minn tnejn u erbgħin elf turist meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
L-għadd ta’ ljieli tat-turisti f’Malta qabeż il-1.2 miljuni, żieda ta’ kważi ta’ 22% fuq l-2024.
Fi Frar ukoll, in-nefqa tat-turisti kienet tiżboq il-mija u sitta u erbgħin miljun ewro, li tfisser żieda ta’ aktar minn tnejn u tletin miljun ewro, meta mqabbel ma’ Frar tas-sena l-oħra.
L-akbar swieq barranin li żaruna fit-tieni xahar ta’ din is-sena kienu dawk tar-Renju Unit, il-Polonja u l-Italja, li ammontaw għal kważi nofs it-turisti li ġew f’pajjiżna f’dan ix-xahar imsemmi.
Skont l-NSO, ħareġ ukoll kif it-turisti, li żaru Għawdex jew Kemmuna u qattgħu hemm ġurnata jew raqdu hemm, ammontaw għal aktar minn 95,000. B’dan ifisser aktar minn ħamsa u erbgħin fil-mija tat-turisti li żaru pajjiżna fix-xahar ta’ Frar.