Is-settur turistiku f’pajjiżna rreġistra żieda ta’ 31.3% fl-ewwel tliet xhur tas-sena meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena l-oħra. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, waqt li indirizza l-Malta Hospitality Forum, organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA.
Hawn il-Ministru responsabbli mis-settur saħaq kif dawn ir-riżultati qed jimbottaw ’il quddiem biex is-settur turistiku f’pajjiżna jerġa’ jsir il-qofol tas-suq ekonomiku ta’ pajjiżna.
Hu kompla jżid jgħid li dan is-settur għandu jżid l-għażla wiesa’ ta’ pajjiżi u etajiet ta’ turisti li jiġu attirati lejn pajjiżna. Saħaq li, b’relazzjoni għal dan, qed isir investiment biex inġibu lejna turisti mill-Istat Uniti, mill-Ġappun, mill-Awstralja u mill-pajjiżi tal-Golf, permezz ta’ mudell turistiku sostenibbli, filwaqt li nippriservaw l-istorja u l-artiġġjanat ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo żied jgħid li pajjiżna qed jaħdem biex noffru servizz aħjar f’dan il-qasam, permezz ta’ bżonn ta’ kwalifikazzjoni denja biex wieħed jaħdem fih, b’mod partikolari bit-tnedija tas-Skills Pass li hu applikabbli għal dawk iċ-ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea.
Fi spunt dwar l-indafa pubblika, il-Ministru Bartolo ħabbar li se jkun qed isir investiment ieħor ta’ madwar €6 miljun f’apparat għat-tindif biex tiżdied l-indafa pubblika.
Dwar l-industrija tal-cruise liners, qal kif din, matul din is-sena, se tkun qed taqbeż il-miljun passiġġier għall-ewwel darba, u allura se nkunu qed nirreġistraw rekord ġdid għal pajjiżna.
F’kumment lil dan l-istazzjon, il-Ministru Bartolo spjega kif dawn ir-riżultati qed ikomplu juru d-direzzjoni li dan il-Gvern għandu fil-qasam turistiku ta’ pajjiżna.
“Riżultati li ksibna fl-ewwel kwart ta’ din is-sena fl-ekonomija u anke b’mod partikolari fit-turiżmu qegħdin jaqbżu kull livelli li kellna fis-snin li għaddew. L-ewwel kwart ta’ din is-sena kien rekord f’termini turistiċi, kemm fin-numru ta’ turisti li ġew pajjiżna, kemm fil-guest nights li tqattgħu hawn Malta, u anke fejn tidħol in-nefqa tagħhom. U dan fi żmien meta qed naraw l-inflazzjoni li qegħda tonqos. Għalhekk, dan ifisser li t-turisti f’pajjiżna qed iħallu iżjed flus fl-ekonomija tagħna u dan hu fejn irridu mmorru aħna.”
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, saħaq kemm hu importanti t-taħriġ fil-ħaddiema ta’ dan il-qasam u elenka kemm is-settur turistiku għandu jkollu livell ta’ standard għoli biex nattiraw aktar turisti ta’ kwalità lejna.
“L-importanza hi li kulħadd jagħmel l-aħjar mezz tiegħu biex it-turist iħossu at home u allura nibdew mil-lukandi u r-restoranti li hu importanti ħafna li dawn jibqgħu jagħtu, l-ewwelnett, is-servizz with a smile, għax dik hi l-aktar ħaġa importanti u wkoll jagħmlu lit-turist aktar welcome u jagħtuh servizz aħjar.”