Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għal Lulju li għadda juru li l-ħaddiema fis-suq tax-xogħol żdiedu b’5.5 fil-mija u f’Lulju li għadda kienu jgħoddu l-208,413.
Mir-rekords amministrattivi tal-aġenzija tax-xogħol JobsPlus joħroġ li bejn Lulju tal-2017 u Lulju li għadda, il-ħaddiema b’xogħol full-time żdiedu bi 11,528, jiġifieri żieda ta’ 5.9%. Fl-istess perjodu ta’ sena żdiedu b’erba’ fil-mija jew b’elfejn, ħames mija u ħamsa u sebgħin oħra l-ħaddiema li għandhom xogħol part time bħala l-uniku xogħol tagħhom.
L-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li f’perjodu ta’ sena sa Lulju li għadda, il-qgħad naqas b’sitt mija u wieħed u sebgħin ruħ.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li waqt li l-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu bi ftit aktar minn elf u erbgħa mija, l-impjiegi full-time fis-settur privat żdiedu b’10,089 biex issa laħqu l-159,204.
L-NSO żied jgħid li f’Lulju li għadda ġiet irreġistrata wkoll żieda ta’ 1,280 persuna li jaħdmu għal rashom meta mqabbel ma’ Lulju tal-2017.
Joħroġ ukoll li ż-żieda fl-impjiegi full-time kienet aktar fost in-nisa milli fost l-irġiel. Fil-fatt waqt li ż-żieda fl-impjiegi full time fost l-irġiel żdiedu b’4.9 fil-mija, iż-żieda fost in-nisa kienet ta’ 7.6 fil-mija.