Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Ġunju li għadda, l-impjiegi full-time żdiedu b’5.5% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Dan ifisser li fuq medda ta’ 12-il xahar l-impjiegi full-time żdiedu b’aktar minn 10,600.
L-istatistika pprovduta mill-Aġenzija tax-xogħol Jobs Plus turi li sal-aħħar Ġunju, il-ħaddema full-time qabżu l-206,000 impjieg fis-suq tax-xogħol. Joħroġ ukoll li matul dan il-perjodu, in-nies fuq il-kotba tal-qgħad naqsu b’aktar minn 650 ruħ.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li l-ħaddiema full-time mas-settur privat żdiedu b’aktar minn 9,500, u issa laħqu kważi 157,000 ħaddiem. Il-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu bi ftit aktar minn 1,100 u laħqu ftit aktar minn 47,000.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll żieda ta’ kważi elf u mitejn ruħ fil-persuni li jaħdmu għal rashom. Jirriżulta wkoll li ż-żieda kienet l-aktar mill-ħaddiema nisa li daħlu fis-suq tax-xogħol.
Matul dan l-istess perjodu żdiedu b’aktar minn 4% il-ħaddiema part-time. Miċ-ċifri joħroġ li sa Ġunju kien hemm kważi 36,000 ħaddiem li kienu rreġistrati li għandhom biss impjieg part-time waqt li aktar minn 27,000 oħra kellhom impjieg full-time u ieħor part-time.