Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika wrew żieda ta’ disgża fil-mija fit-turisti barranin li għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom.
F’kumment ma’ One News il-kap eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu f’Għawdex is-Sur Joe Muscat qal li żieda kienet riżultat ta’ bosta fatturi. .
It-turiżmu f’Għawdex żdied. Żdied kemm mill-lokal u kemm ukoll mis-suq barrani kif ukoll nafu illi l-arrivals it-turisti kemm barranin u kemm Maltin kważi maqsumin indaqs bejniethom meta jiġu lejn il-gżira ta’ Għawdex għalkemm l-Nso ikkonferma li s-suq domestiku huwa xi ftit iktar mis-suq barrani.
Is-Sur Muscat spjega wkoll kif minkejja li n-numru ta’ Maltin li jżuru l-gżira huwa kemxejn ikbar minn dak barrani, il-barranin xorta huma dawk li jonfqu l-iktar matul iż-żjara tagħhom f’Għawdex.
Filwaqt illi l-Maltin joqogħdu fostna żewġt iljieli jew kemm kemm iktar dak barrani joqogħdu ‘l fuq minn ħamest iljieli allura meta niġu biex nikkalulaw l-impatt fuq is-settur turistiku nsibu li s-suq barrani ikollu iktar impatt għar-raġuni li għandu iktar iljieli li jkunu qagħdu it-turisti barranin.
Is-Sur Muscat innota kif minkejja li tul l-aħħar snin ma fetħux lukandi kbar f’Għawdex, l-investitur Għawdxi għaraf mezz ieħor sabiex jakkomoda lit-turisti kollha li jagħżlu jżuru l-gżira.
Għalkemm ma fetħux lukandi kbar oħra f’Għawdex, lukandi kbar għandna disgħa, pero’ umbad għandna l-fenomenu ta’ diversi Boutique Hotels li fetħu fl-aħħar snin u għaliex dan huwa tip ta’ prodott ġdid dan qed jirnexxielu jiġbed lejh numru ta’ turisti u anke Maltin li qed iduqu għall-ewwel darba dan it-tip ta’ prodott ta’ akkomodazzjoni.
Mistoqsi dwar is-sostenibbiltà tat-turiżmu f’Għawdex, is-Sur Muscat qal l-assoċjazzjoni flimkien mal-awtoritajiet qed jieħdu bosta biex itejbu l-prodott.
Bħalissa aħna bħala assoċċjazzjoni qed nagħmlu ħafna sforzi anke mal-Awtoritajiet biex jittieħdu inizjattivi u il-quddiem ser jitħabbru inizzjattivi sabiex inkomplu intejbu s-settur turistiku permezz tal-prodott tiegħu.
Matul l-elfejn u sbatax it-turist Malti f’Għawdex nefaq mal-erbgħin miljun ewro u saru kważi mitejn u wieħed u sittin elf vjaġġ minn u lejn Malta, Għawdex u Kemmuna.