Stħarriġ ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika lejlet il-jum internazzjonali tal-mara juri li ftit anqas min-nofs il-popolazzjoni f’Malta u Għawdex fl-elfejn u sbatax kienet magħmlua min-nisa.
L-istħarriġ wera li matul is-sena li għaddiet il-popolazzjoni tan-nisa kienet tammonta għal ftit aktar minn 235 elf.
L-istħarriġ wera wkoll li fl-aħħar ħames snin, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet b’aktar minn disa’ fil-mija waqt li fl-aħħar tas-sena li għaddiet il-qgħad naqas għal 4 fil-mija.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li r-rata ta’ attività tan-nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet minn 48.8 fil-mija fl-2012 għal 60.2 fil-mija fl-2017.
Fl-istess perjodu ta’ ħames snin dik li hija magħrufa bħala gender gap naqset minn 29.7 fil-mija fl-2012 għal 23.2 fil-mija. Madankollu dan l-indikatur huwa aktar mid-doppju tal-medja tal-unjoni ewropea.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li n-nisa fis-suq tax-xogħol f’Malta kienu jammontaw għal aktar minn 88 elf.
Joħroġ ukoll li ftit aktar minn 7% tan-nisa għandhom pożizzjoni maniġerjali.
L-istħarriġ tal-NSO juri wkoll li n-nisa b’livell għoli ta’ edukazzjoni kienu jammontaw għal aktar minn 30 elf jew ftit aktar minn 34 fil-mija tan-nisa kollha fis-suq tax-xogħol.
Kważi ħamsin fil-mija kienu professjonisti. Madankollu, kienu biss ftit aktar minn 13 fil-mija li għandhom rwol maniġerjali meta mqabbel mal-25 fil-mija tal-irġiel bl-istess livell edukattiv.
L-istħarriġ jagħti ħarsa wkoll lejn ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-Parlament u l-kunsilli lokali.
Joħroġ li għalkemm il-persentaġġ ta’ nisa li għandhom siġġu fil-Parlament żdied għal 14.5% matul is-snin, xorta għadu taħt il-medja ewropea ta’ 29 sigġġu.
Joħroġ ukoll li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-kunsilli lokali li matul is-sena li għaddiet kienu jammontaw għal ftit anqas minn 22 fil-mija fil-kunsilli lokali kollha.
Minn total ta’ 69 sindku, tlettax biss kienu nisa. Apparti dan minn total ta’ 319-il kunsillier, 75 biss kienu nisa.