Il-prezz taż-żejt żdied bi tmienja fil-mija biex laħaq l-ogħla livelli f’ħames ġimgħat. Dan wara li wħud mill-pajjiżi li l-iktar li jipproduċu żejt ħadu deċiżjoni li jnaqqsu l-produzzjoni għall-ewwel darba mill-2008. Deċiżjoni meħuda bil-għan li jżommu l-prezz.
L-OPEC, l-organizazzjoni tal-pajjiżi li jesportaw iż-żejt, ħadu din id-deċiżjoni f’laqgħa fi Vienna. Laqgħa li r-riżultat tagħha kien wieħed mistenni wara li s-Sawdi Arabja, membru ewlieni tal-OPEC, qalet li kienet lesti taċċetta tnaqqis fil-produzzjoni tagħha.
Saħansitra l-membri tal-OPEC, li jipproduċu terz taż-żejt fid-dinja, kienu diġa qablu ma’ din il-politika fl-Alġerija meta ltaqgħu f’Settembru li għadda.
Bħalissa bejniethom jipproduċu madwar 33.6 miljun barmil kull ġurnata u bil-bidliet li maqbula dawn se jinżlu għal inqas minn 33 miljun. Bi Bloomberg tirrapporta li saħansitra tnaqqis fil-produzzjoni jista’ tkun ikbar.
Analisti qed jgħidu li l-gwerra tal-prezzijiet tista’ tibda tersaq lejn tmiemha għalkemm is-suq huwa wieħed volatili ħafna. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija qalet li dan jista’ jwassal biex is-surplus fis-suq jispiċċa defiċit. Xi ħaġa li tkompli żżid il-prezzijiet speċjalment meta tispiċċa l-ħażna ta’ bħalissa.