Malta rreġistrat żieda ta’ 74% fit-traffiku tal-ajru f’perjodu ta’ seba’ snin, bl-akbar żieda ġiet irreġistrata matul is-sena 2017.
Din iż-żieda hija riżultat ta’ strateġija ta’ dan il-Gvern biex Malta jkollha aktar konnessjonijiet ma’ pajjiżi fl-Ewropa, l-Asja u l-Afrika ta’ fuq.
Fost il-miżuri li ttieħdu biex pajjiżna jkompli jtejjeb il-konnettività ma’ swieq differenti, hemm numru ta’ rotot ġodda mill-Air Malta, Ryanair, EasyJet u Qatar Airways fost oħrajn.
Din is-sena rat ukoll l-introduzzjoni ta’ linja tal-ajru ġdida, Malta Air, fergħa tar-Ryanair li se jkollja l-bażi f’Malta. Din ukoll mistennija tkabbar l-operat tagħha fis-snin li ġejjin. Dan filwaqt li Ryanair trasferixxit il-ħamsin ajruplan tagħha fuq ir-reġistru tal-avjazzjoni Malti.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-Gvern flimkien mal-imsieħba soċjali bħall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, qed jaħdem ma’ partner airlines differenti biex ikomplu jiżviluppaw rotot ġodda minn u lejn Malta.
Dan it-tkabbir fil-qasam tal-avjazzjoni qiegħed ikun katalist sabiex jinħolqu aktar karrieri ta’ kwalità għal Maltin u l-Għawdxin Fil-fatt, il-ġimgħa l-oħra, tħabbar uffiċjalment li waħda mill-iktar kumpaniji rinomati fil-qasam tas-servizzi tal-avjazzjoni, Qualitair, se tiftaħ bażi f’Malta. L-investiment tagħha huwa żieda fuq il-preżenza li diġà għandha f’Malta sa mill-2009.
Mill-bidu tas-sena l-oħra s’issa, 1,400 persuna sabu impjieg f’dan il-qasam. Żieda ta’ iktar minn ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-perjodu fis-snin ta’ qabel.