Matul is-sena li għaddiet żdied b’7% il-patronaġġ fuq tal-linja, bil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku f’Malta u Għawdex telgħu għal 57 miljun u ħames mitt elf passiġġier.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja qal ma’ ONE News, li kulma jmur l-operatur qed itejjeb is-servizz tiegħu anke b’żieda fil-flotta tal-karozzi tal-linja.
Is-Sur Buhagiar qal: “Jekk naraw x’ġara bejn is-sena l-oħra u din is-sena s’issa qiegħdin 57.5 million u l-kalkoli tagħna huwa li naqbżuhom ukoll. Din tfisser żieda oħra ta’ 7% fuq is-sena l-oħra.”
Ċifri ta’ Transport Malta juru wkoll li meta mqabbel mal-2012 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, sal-aħħar tax-xahar kien hemm żieda ta’ madwar 25 miljun passiġġier li kienet tfisser żieda ta’ 69%.
Is-Sur Buhagiar sostna: “Għal Transport Malta bħala regolatur huwa ta’ pjaċir tara l-istrateġija li qiegħda taddotta fis-settur tat-trasport pubblika mal-Malta Public Transport. Bejn l-2012 u llum rreġistrajna 24 miljun passiġġier żieda.”
Din iż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku f’Malta wasslet wara li Transport Malta daħħlet is-servizz tat-tallinja card li inċentivat l-użu repetut tas-servizz mingħajr ebda ntopp.
Dan flimkien ma’ servizz b’iktar kumditajiet fil-mezzi ta’ trasport fosthom Wifi b’xejn u investiment f’karozzi tal-linja li huma aktar aċċessibbli.
Fil-fatt is-sena li għaddiet inxtraw 40 karozza tal-linja ġodda b’nefqa ta’ €9 miljun.
B’reazzjoni għal dan iż-żieda, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg spjega li dawn iċ-ċifri juru kif il-poplu Malti u Għawdxi qed jerġa’ jrabbi l-fiduċja fl-użu tat-Trasport Pubbliku.
Fakkar li n-nies tilfet il-fiduċja fis-servizz meta Gvern Nazzjonalista ġab l-Arriva f’Malta.
Innota li meta mqabbel mal-2012, il-passiġġieri li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, irduppjaw u din turi kemm qegħdin fid-direzzjoni t-tajba.
Il-Ministru Borg temm jgħid li dan mhux biżżejjed għax il-Gvern flimkien mal-entitajiet u l-awtoritajiet kollha ser jara li jkompli jtejjeb l-effiċjenza tas-servizz biex tonqos il-konġestjoni ta’ traffiku.