F’Ottubru tas-sena l-oħra, ix-xogħol full-time żdied b’7.4 fil-mija meta mqabbel ma’ Ottubru ta’ sena qabel, jiġifieri fl-2021.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
F’Ottubru li għadda, l-għadd ta’ dawk f’impjieg kien ta’ kważi mitejn u sittin elf (259,941). Sena qabel kien hemm 242,357 ħaddiem. Dan ifisser li f’sena kien hemm żieda ta’ kważi 17,600 ħaddiem.
Skont l-NSO, din iż-żieda saret minħabba żieda fis-settur tas-servizzi u fis-settur tal-akkomodazzjoni u l-ikel.
F’din l-istatistika ħareġ ukoll li fis-settur privat kien hemm żieda pożittiva ta’ 17,939 persuna meta mqabbel ma’ sena qabel, biex b’kollox hemm 207,524 ħaddiem.
Dan filwaqt li, fis-settur pubbliku, kien hemm nuqqas ta’ 85 persuna meta mqabbel ma’ sena qabel, biex b’kollox hemm 51,433 persuna.
In-numru ta’ persuni rreġistrati li jaħdmu għal rashom żdied b’586 meta mqabbel ma’ sena qabel, biex b’kollox dawn jgħoddu għal 29,124.
L-irġiel li jaħdmu full-time żdiedu b’7.8 fil-mija, waqt li n-nisa li jaħdmu full-time żdied bi kważi seba’ fil-mija, meta mqabbel ma’ sena qabel.