Stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda, il-popolazzjoni li taħdem kompliet tiżdied tant li issa tgħodd aktar minn 231,000. Din kienet tfisser żieda ta’ sitta fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Prattikament kważi 57% fil-mija tal-popolazzjoni Maltija li għandha aktar minn 15-il sena tinsab f’impjieg.Miċ-ċifri tal-istħarriġ joħroġ li meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet dawk b’impjieg full time żdiedu b’aktar minn 11,000 minn 188,000 fl-2017 għal 199,000 fl-2018. L-istatistika turi wkoll li aktar minn 32,200 ruħ oħra għandhom xogħol part time biss.
Dwar il-pagi, l-istħarriġ sab li bħala medja s-salarju tal-ħaddiema huwa ftit anqas minn €19,000 fis-sena. Il-Labour Force Survey sab li s-salarji ivarjaw minn kważi €34,000 għal karigi maniġerjali għal €12,000 għal ħaddiem b’xogħol elementari.
Skont il-Labour Force Survey, il-persuni kkunsidrati qiegħda komplew jonqsu u jgħoddu ftit aktar minn 9,100 jew 2.2% tal-ħaddiema. L-istħarriġ juri wkoll li naqsu bi kważi 900 għal 167,000-il persuni li huma kkunsidrati li mhumiex attivi fis-suq tax-xogħol.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sab ukoll li naqsu għal 52.6% il-Maltin li għandhom aktar minn 15-il sena, li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni għax għandhom inqas minn ħames ċertifikati fil-livell ordninarju.
Min-naħa l-oħra komplew jiżdiedu l-Maltin b’impjieg li għandhom edukazzjoni terzjrja. Fil-fatt dawn żdiedu bi 2.3% għal kważi 31% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017.