F’konferenza tal-aħbarijiet fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta sar magħruf li l-ammont ta’ passiġġiera fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien ta’ sitta fil-mija aktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Filfatt bejn Jannar u Ġunju li għadda għaddew mill-ajruport ta’ Malta 3,251,899 passiġġier.
Żieda ta’ 181,537 passiġġier fuq l-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra.
Fl-ajruport ta’ Ħal Luqa niżlu u taru kważi 24,000 ajruplan, żieda ta’ 5.9% fuq is-sena ta’ qabel.
L-aktar linja tal-ajru attiva fl-ajruport kienet ir-Ryanair li ġabet 13% aktar passiġġieri fl-ewwel nofs tal-2019.
Warajha ssegwi l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta li wkoll żiedet l-ammont ta’ passiġġiera bi kważi tlieta fil-mija.
L-akbar suq reġa’ kien tar-Renju Unit fejn l-akbar ammont ta’ passiġġiera li rifsu l-ajruport ta’ Malta ġew mill-ajruport ta’ Gatwick f’Londra.
L-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma ġie fit-tieni post.
L-akbar żieda notevoli ta’ passiġġiera kienet minn Spanja.
Filfatt minn Spanja fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ġew 26% iktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi għamel referenza għar-riżultati pożittivi li ra l-ajruport filwaqt li stqarr li dawn ir-riżultati jirriflettu l-ħidma u l-kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-ajruport internazzjoni ta’ Malta bi sforz li tkompli tespandi il-konnettività ta’ Malta mas-settur turistiku. Il-Ministru Mizzi żied li l-Ajruport qiegħed fi triqtu biex jilħaq il-mira ta’ 7 miljun passiġġier sal-aħħar tas-sena.
L-ajruport internazzjonali ta’ Malta kklassifika fil-ħdax il-post bħala wieħed mill-aktar ajruporti li ra tkabbir.
Saret referenza ukoll għall-investiment infrastrutturali li qed isir fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Intqal li l-parkeġġ li mistenni jakkomodaw elf u tliet mitt karozza għandu jkun lest sas-sajf tas-sena d-dieħla.
Hemm il-ħsieb li l-ajruport jespandi billi jitkabbar it-terminal u spazju ieħor li jakkomoda l-ajruplani.
Dan se jsir hekk kif l-attivita fl-ajruport kibret f’livelli bla preċedent f’dawn l-aħħar sitt snin.
Minkejja dan l-emissjonijiet naqsu bi 12%,u l-konsum tal-elettriku naqas bi kważi wieħed fil-mija filwaqt li dak tal-ilma naqas bi kważi 12% ukoll.