Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Awwissu li għadda, l-għadd ta’ turisti li waslu f’Malta żdiedu b’6.7% u laħqu kważi 339,000 turist meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li aktar minn 313,000 turist żaru l-ġżejjer Maltin għall-btala waqt li aktar minn 9,600 oħra ġew Malta għal skop ta’ negozju.
Joħroġ ukoll li t-turisti li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea żdiedu b’aktar minn 8% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li l-għadd ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’Malta f’Awwissu żdiedu b’5.8% meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2018 u laħqu 2,900,000 lejl.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li f’Awwissu t-turisti ħallew fil-bwiet tal-Maltin aktar minn tliet mija u disgħa u għoxrin miljun ewro, jiġifieri żieda ta’ 2.8%.
L-NSO żied jgħid li fl-ewwel tmien xhur tas-sena żaru l-gżejjer Maltin aktar minn miljun u tmien mitt elf turist, żieda ta’ 4.8 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
In-nefqa tat-turisti fl-ewwel 8 xhur tas-sena laħqet il-biljun u nofs ewro, żieda ta’ kważi 4% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Ras għal ras, it-turisti ħallew f’Malta aktar minn €800.