Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-użu tad-dejta bil-mowbajl żdied b’51% meta mqabbel mal-konsum irreġistrat fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Dan ħareġ minn rapport tal-Awtorità għall-Komunikazzjoni, l-MCA. Ir-rapport jindika li kien hemm żieda sostanzjali fejn jidħlu l-abbonamenti bil-kuntratt tas-servizzi diġitali tat-televiżjoni, tat-telefown, u l-internet meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
ŻIEDA FL-ABBONAMENTI
TELEFOWN + 6.1%
INTERNET + 3.5%
TELEVIŻJONI + 3.2%
Ir-rapport tal-Awtorità għall-Komunikazzjoni qal li l-abbonamenti tat-telefown żdiedu b’9.9% meta mqabbel mas-sena li għaddiet, u laħqu total ta’ kważi seba’ mitt elf utent sal-aħħar ta’ Marzu.
ŻIEDA FL-ABBONAMENTI TAT-TELEFOWN
+62,764 / +9.9%
TOTAL 698,834
Madanakollu, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-għadd ta’ nies li jċemplu minn linja fissa naqas b’mod konsiderevoli meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet. In-numru ta’ telefonati naqas bi 23.5 fil-mija u n-numru ta’ minuti waqt telefonata naqas ukoll, bi 30.7%.
L-GĦADD TA’ TELEFONATI -23.5%
L-GĦADD TA’ MINUTI FIT-TELEFONATI -30.7%
Ir-rapport jinnota żieda ta’ ftit aktar minn 7,503 abbonamenti tal-internet, b’aktar abbonamenti f’servizzi li joffru veloċitajiet ikbar. In-numru ta’ abbonamenti għal internet b’veloċità ta’ 100Mbps jew aktar, żdiedu b’madwar 25,000 fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. B’mod sinifikanti, prodotti li joffru minn 500Mbps għal 1Gbps żdiedu b’iktar minn 55,000 matul l-istess perjodu.
Bejn l-ewwel trimestru ta’ din is-sena u dak tas-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ ftit aktar minn 5,000 abbonament għas-servizzi tat-televiżjoni. Kważi 83% tal-abbonamenti li saru fl-ewwel tliet xhur tal-2022 inxtraw bħala parti minn pakkett ta’ servizzi.
ABBONAMENTI GĦAS-SERVIZZI TAT-TELEVIŻJONI
JANNAR – APRIL 2021 172,512.
JANNAR – APRIL 2022 177,947
+5,435 / 3%
L-abbonamenti bbażati fuq l-IPTV żdiedu wkoll.
ABBONAMENTI GĦALL-IPTV
+5,290 / +8.5%
F’dan ir-rapport intqal ukoll li s-settur postali qed jesperjenza kompetizzjoni minn sorsi onlajn u li din intenfiskat bis-sħiħ matul il-pandemija. Minkejja dan, l-aħħar ċifri juru li l-volumi tal-posta fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kienu 3.5% ogħla milli fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet.