Skont l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, fit-tielet kwart ta’ din is-sena żaru Malta kważi 209,000 passiġġier fuq il-cruiseliners, 5.5% aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tas-sena l-oħra. Il-passiġġiera li qattgħu lejl f’pajjiżna bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena irdoppja meta mqabbel mal-istess 3 xhur tas-sena 2015. Il-passiġġiera li ġejjin minn pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropeja żdiedu b’9.5%.
L-industrija tal-cruiselining f’pajjiżna qiegħda tikber minn sena għall-oħra. Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, hekk kif laqa’ b’sodisfazzjon dawn il-figuri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika dwar l-andament tal-industrija tal-cruiselining f’Malta. Fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena żaru pajjiżna kważi 450,000 passiġġier fuq il-cruiseliners, kważi 6% aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tal-2015. Ta’ min jinnota li l-passiġġeri barra mill-Unjoni Ewropeja kibru bi 8.5%, fejn il-passiġġieri mill-Istati Uniti żdiedu b’31% f’dawn l-ewwel 9 xhur meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Dan il-gvern jesiġi fuq l-importanza li nkomplu nattiraw aktar homeporting f’pajjiżna, fejn cruise jibda u jispiċċa f’Malta, kompla jgħid il-Ministru Zammit Lewis. Dan komplejna nsaħħuħ hekk kif f’Awwissu li għadda ġie mħabbar li l-P&O Oceania ddeċidiet li mill-2017 se tibda topera cruises li jibdew u jispiċċa f’pajjiżna. Dan kollu jkompli jippromovi lil Malta bħala destinazzjoni t’eċċellenza fit-turiżmu maħluq mill-cruiselining. Konxji wkoll li hemm numru li dejjem qed jikber ta’ passiġġieri li qed jagħżlu li jqattgħu xi ljieli f’Malta qabel jew wara il-cruise tagħhom. Infatti rajna li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena dawk il-passiġġieri fuq il-cruiseliners li qattgħu lejl ġewwa Malta żdiedu b’37% fuq Jannar u Settembru tas-sena l-oħra.
Dan ikompli jżid mal-benefiċċji ekonomiċi ġġenerati għall-operaturi turistiċi u l-ekonomija Maltija inġenerali. Hekk kif il-port calls f’dawn l-ewwel disgħa xhur ta’ din is-sena żdiedu bi tnax fuq l-istess ammont ta’ xhur tal-2015, naffermaw kemm hija għaqlija il-miżura li ttieħdet f’dan il-budget li għadu kif ġie ppreżentat, fejn qed jipproponi li jiġi estiż Pinto Wharf sabiex jinbena it-tieni moll li jista jakkomoda vapuri tal-cruiseliners twal sa 300 metru, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.