Minn nhar il-Ħadd li ġej, 20 ta’ April, se jiżdiedu mal-400 vjaġġ kuljum, b’rotot ġodda u tibdil sinifikanti fin-network għal tal-linja. Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mit-trasport, Chris Bonett, li tenna li din se tkun l-ewwel minn serje ta’ miżuri li qed jiġu implimentati wara li tħabbru fl-aħħar jiem bħala parti mill-inizjattiva ‘Reshaping Our Mobility’.
It-tibdiliet ewlenin jinkludu rotot ġodda f’diversi żoni importanti, fosthom dawk industrijali u anke skejjel Post-Sekondarji, bħall-Higher Secondary, u anke r-Residenza San Vinċenz De Paul.
Ingħad li saru modifiki fir-rotot eżistenti biex jintlaħqu żoni residenzjali, li qabel ma kinux jintlaħqu, waqt li se jkun hemm żieda fil-frekwenza ta’ diversi rotot popolari. Il-vjaġġi se jibdew aktar kmieni biex iservu aħjar lill-ħaddiema u lill-istudenti.
Il-General Manager tal-Malta Public Transport, Konrad Pule, spjega li biex seta’ jsir dan it-titjib qed jiġu investiti €6 miljun oħra fejn fl-aħħar ġimgħat inġiebu 25 karozza tal-linja ġdida fis-servizz.
“Permezz ta’ dawn il-karozzi tal-linja, li huma ftit differenti li aħna mdorrijin naraw fit-toroq tagħna, dawn il-karozzi huma aktar addattati għal servizzi diretti, jiġifieri fuq inqas waqfiet, għandhom aktar postijiet fejn toqgħod bilqegħda, għandhom USB chargers fuq kull seat u għandhom il-post ukoll fejn wieħed jista’ jitfa’ l-basket tiegħu jew il-luggage tiegħu. L-idea hi li nħeġġu aktar nies jużaw iżjed it-trasport pubbliku, permezz ta’ dawn ir-rotot il-ġodda.”
Il-Ministru Bonett sostna li dawn it-tibdiliet huma frott ta’ proċess estensiv ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku.
“Naf li mhux faċli, imma jekk kollha kemm aħna nagħmlu sforz flimkien, il-Gvern bl-ideat differenti, l-alternattivi se jkun qiegħed jagħmilhom. L-industrial estates issa min jaħdem hawn jista’ jiġi bil-karozza tal-linja, m’għandux għalfejn jaqla’ l-karozza u l-idea hi li kull miżura tilħaq ammont ta’ nies, għax jekk kollha kemm huma jnaqqsu ftit karozzi fuq 45 miżura, imbagħad il-karozzi fil-pajjiż, bil-mod il-mod, verament jibdew jonqsu.”
Ġie spjegat kif, f’Marzu li għadda, in-numru ta’ passiġġieri li użaw it-trasport pubbliku żdied bi kważi 11% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra
Dan filwaqt li, mill-bidu sas-sena s’issa, in-numru ta’ vjaġġi tat-trasport pubbliku żdiedu bi kważi tmienja fil-mija, avolja l-2024 kienet sena rekord f’dan ir-rigward, b’aktar minn 75 miljun vjaġġ li saru fit-12-il xahar tiegħu.