L-impjiegi full-time irreġistraw żieda ta’ 4.3% f’April li għadda, meta mqabbel ma’ April ta’ sena ilu.
L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika ppublika ċifri miksuba minn Jobsplus, li juru li matul perjodu ta’ sena, l-ammont ta’ nies fix-xogħol żdied bi 3.2 fil-mija, biex laħaq 181,502.
Dan kien prinċipalment attribwit għal żieda fil-popolazzjoni li taħdem bi qligħ fuq bażi full time (7384) u tnaqqis fil-qgħad (1817).
L-impjieg full-time fis-settur privat żdied minn 7,075 persuni għal 133,370, filwaqt li fis-settur pubbliku l-impjiegi full-time żdiedu bi 309 persuna.
Dawk li jaħdmu għal rashom fuq bażi full time żdiedu bi 420 meta mqabbel ma’ April 2015, filwaqt li l-għadd ta’ persuni reġistrati bħala impjegati żdied bi 6,964. L-impjieg full-time għall-irġiel u n-nisa telgħet minn 3.2 fil-mija u 6.3 fil-mija rispettivament fuq l-2015.