Fis-sena skolastika ta’ matul il-pandemija, fl-iskejjel Maltin kien hemm żieda ta’ 387 ħaddiem.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li juru li l-għadd ta’ ħaddiema fis-sena skolastika 2020 u 2021 kien 18,601.
Ħareġ ukoll li l-għadd ta’ edukaturi fl-iskejjel madwar pajjiżna huwa 9,731. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 61 edukatur ġdid meta mqabbel mas-sena skolastika li għaddiet.
Minn dawn l-edukaturi, l-aktar li hemm huma nisa – kważi 6,500 – waqt li l-edukaturi rġiel huma 3,240.
Aktar minn 7,200 edukatur jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat, 1,515-il edukatur jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja, filwaqt li ftit inqas minn elf jaħdmu fi skejjel privati.