F’dawn l-aħħar xhur pajjiżna ra żieda ta’ madwar tletin fil-mija f’persuni li rċievew kura psijatrika.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John Cachia qal, “Rajna matul ix-xhur li għaddew żieda ta’ madwar 30% ta’ persuna ġodda jirrikorru għal servizz ta’ saħħa mentali.”
F’waħda mill-aħħar intervisti tiegħu wara għaxar snin jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John Cachia spjega li l-bidla fil-mentalità li daħlet tul dan l-aħħar deċenju hija kbira.
Huwa sostna: “Rajna numru ħafna akbar ta’ pazjenti jiġu trattati fil-komunità naqsu drastikament il-persuni li jibqgħu jinżammu bil-leave mill-isptarijiet mentali tagħna.”
Fost waħda mill-fatturi ewlenin għal din il-bidla kienet l-Att il-ġdid tas-Saħħa Mentali li daħal fis-seħħ tul l-2013.
Dr Cachia saħaq: “Bidliet li fissru aktar libertà għall-pazjent, aktar salvagwardji pero fissret ukoll obbligi ġodda li issa hemm ħafna nies aktar li qed jiġu mgħejjuna fil-komunità.”
Fl-istess waqt tul dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm medja ta’ 480 persuna fis-sena li ddaħħlu f’Monte Carmeli kontra l-volontà tagħhom.
Waqt tnedija ta’ kompendju komprensiv tal-għaqdiet u entitajiet li joffru servizzi lill-persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali, Cachia spjega wkoll l-pandemija ġabet magħha realtà li wħud qatt ma stennew: “Il-pandemija naħseb illi ġabet f’sessihom ħafna nies li jaħsbu li l-mard mentali huwa ‘l bogħod minnhom. Meta l-pandemija poġġħiet il-persuni f’ansjetà u iżolament in-nies bdew jaraw persuni jbatu b’dawn is-sitwazzjonijiet in-nies irealizzaw li din hija aktar reali milli qatt immaġinaw.”