Malta rreġistrat żieda ta’ 30% fl-iskart li qed jiġi riċiklat fuq medda ta’ sena.
Dan hekk kif Malta rriċiklat 15% tal-iskart tal-pajjiż, żieda ta’ 5% matul is-sena 2021.
Fi stqarrija, l-kumpanija WasteServ qalet li dan jikkonferma kif qed irreġgħu lura tendenzi staġnati li iddefinixxew dan is-settur għal bosta snin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega li dan huwa sinifikanti ħafna hekk kif wieħed irrid iqis li l-investiment li qed isir fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart għadu fil-fażijiet inizjali ta’ implimentazzjoni.
“Dan huwa riżultat importanti ħafna għal Malta u għal Wasteserv, wisq iktar għan-nies. Jiġifiri dan il-materjal irrid joħroġ mill-imħażen tagħna u għal materjal li nies jitfgħu fil-borża l-griża. Jiġifieri importanti li n-nies jifhmu li l-isforzi tagħhom qed jissarfu f’riżultat aħjar.”
Ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv spjega li din ix-xejra mistennija tkompli anke matul din is-sena u sena li ġejja.
Dan hekk kif faċilità ġdida awtomatizzata għall-iskart riċiklabbli, b’investiment ta’ €4 miljun mistennija tibda topera fi xhur li ġejjin.
Dan filwaqt li l-proġett ECOHIVE, li qed isir b’ investiment ta’ €500 miljun u li bħalissa qed jinbena, se jkun qed ikompli jtejjeb il-prestazzjoni tal-pajjiż f’dan is-settur.
Huwa żied jgħid li hemm bżonn ta’ bidla kulturali il-pajjiż sabiex Malta tilħaq il-miri obbligatorji tal-Unjoni Ewropea u li din it-transizzjoni ekoloġika hija essenzjali għall-benesseri tar-residenti Maltin, kemm f’termini ta’ saħħa kif ukoll ta’ livell t’għajxien.
Is-Sur Bilocca qal li prattiċi tal-immaniġġjar tal-iskart li jniġġsu m’għadx għandhom posthom hekk kif bħala pajjiż hemm bżonn li jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet mir-rata attwali ta’ 85 fil-mija għal 10 fil-mija sal-2035.
Il-Kap Eżekuttiv ħeġġeġ lill-pubbliku u lin-negozji biex jintensifikaw l-impenn tagħhom biex inaqqsu l-iskart milli jmur fil-miżbla.
“Għad hemm bżonn aktar. Għalkemm żidna, xorta waħda għadna lura. Jiġifieri, fejn jidħol l-immaġinjar tal-iskart hemm bżonn sforzi kbar li qed isiru, u nies flimkien magħna, nagħmlu gwerra fuq il-borża s-sewda, u l-materjal jibda jiġi riċiklat b’mod tajjeb u nadif u jibda jintefa fil-borza l-griza. B’hekk bħala pajjiz, inkomplu niksbu riżultati importanti u issa nibdew nimmiraw li nkunu minn tal-ewwel.”