Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Settembru li għadda, l-għadd ta’ turisti li waslu f’Malta żdiedu bi 3% u laħħqu iktar minn 287,000 turist meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li aktar minn 261,000 turist żaru l-ġżejjer Maltin għal btala waqt li kważi 17,000 persuna oħra ġew Malta għal skop ta’ negozju.
Joħroġ ukoll li t-turisti li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea żdiedu b’aktar minn 5% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li l-għadd ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’Malta f’Settembru żdiedu bi 2.1% meta mqabbel ma’ Settembru tal-2018 u kważi laħqu 2,100,000 lejl.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li f’Settembru t-turisti ħallew fil-bwiet tal-Maltin madwar €257 miljun, jiġifieri żieda ta’ 5.9%.
L-NSO żied jgħid li fl-ewwel 9 xhur tas-sena bejn Jannar u Settembru żaru l-gżejjer Maltin aktar minn 2,100,000 turist, żieda ta’ 4.8% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. L-iljiel li t-turisti qattgħu f’Malta żdiedu bi kważi 3% u qabżu l-15,200,000 lejl.
In-nefqa tat-turisti fl-ewwel 9 xhur tas-sena laħqet il-biljun u tmien mitt elf ewro, żieda ta’ 4.8% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
B’reazzjoni il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li dawn iċ-ċifri jawguraw tajjeb għan-negozji u għall-industrija tat-turiżmu inġenerali. Stqarr li d-dħul mit-turiżmu qed ikompli jsaħħaħ l-ekonomija taghna sabiex b’hekk isiru investimenti f’oqsma varji bl-għan li jitjieb il-livell tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.