Bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, il-vetturi b’magni plug-in hybrid tat-tip petrol, żdiedu bi tnejn u għoxrin punt ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-perjodu tat-tliet xhur ta’ qabel.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
F’din l-istatistika ħareġ ukoll kif fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ tnax punt ħamsa fil-mija f’dawk li huma plug-in hybrid tat-tip diesel, meta mqabbel mal-perjodu bejn Ottubru u Diċembru li għaddew.
Dan filwaqt li vetturi tal-mild hybrid, tat-tip diesel, żdiedu bi kważi sittax fil-mija u vetturi tal-mild hybrid tat-tip petrol żdiedu b’iżjed minn għaxra fil-mija, meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel.
Ġiet irreġistrata żieda wkoll ta’ tnejn punt ħamsa fil-mija fil-vetturi elettriċi, filwaqt li l-vetturi petrol raw żieda minima ta’ zero punt erbgħa fil-mija u l-vetturi diesel raw tnaqqis ta’ zero punt tnejn meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel.
F’din l-istatistika ħareġ kif, sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, vetturi f’Malta b’kollox kien hawn inqas erba’ mija u ħmistax-il elf vettura fit-toroq Maltin.
Minn dawn il-vetturi, aktar minn ħamsa u sebgħin fil-mija huma karozzi tal-passiġġieri, kważi erbatax fil-mija huma vetturi kummerċjali, waqt li aktar minn disgħa fil-mija huma muturi u scooters. Dan filwaqt li inqas minn wieħed fil-mija huma tal-linja u minibuses.
L-NSO qalet li matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm iżjed minn ħamest elef vettura li ġew irreġistrati. Tlieta minn ħamsa minn dawn il-vetturi huma karozzi tal-passiġġieri.
Ħareġ ukoll kif, bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, ftit aktar minn sebat’elef vettura nġabru mit-toroq minħabba ksur ta’ regolamenti.