Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, kważi tliet mija u sebgħin elf persuna f’pajjiżna li siefru ’l barra minn xtutna, b’żieda qawwija ta’ madwar wieħed u għoxrin elf fuq is-sena ta’ qabel, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan hekk kif, bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra, kienu siefru kważi tliet mija, tmienja u erbgħin elf persuna minn pajjiżna.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li, l-aktar ċittadini Maltin li siefru kienu l-irġiel bi kważi mitejn elf, waqt li kien hemm iżjed minn mija u sebgħin elf nisa.
L-aktar faxxa ta’ età ta’ dawk li siefru minn Malta kienet dik ta’ bejn il-25 u l-44 sena, b’riżultat ukoll ta’ għadd kbir ta’ żgħażagħ li, fl-aħħar xhur, siefru apposta biex jattendu avvenimenti partikolari, inkluż kunċerti mużikali.
Il-maġġoranza tas-safar tal-Maltin sar lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bl-aktar wieħed ikun l-Italja, b’aktar minn mija, sitta u tletin elf fil-perjodu msemmi.
Wara l-Italja, segwa s-safar lejn ir-Renju Unit, bi kważi erbgħa u erbgħin elf persuna, Spanja, Franza u l-Ġermanja, li lkoll huma destinazzjonijiet popolari anke mal-Maltin għall-vaganzi tagħhom.
L-NSO ukoll ħabbar li l-infiq kollu tal-Maltin f’dawn is-sitt xhur kien stmat li laħħaq kważi t-€330 miljun, li jfisser ħdax fil-mija aktar minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu sena ilu. Kienet irreġistrata wkoll żieda ta’ 3.3% fl-għadd ta’ ljieli li damu barra.
Din iż-żieda fl-għadd ta’ passiġġieri, li ħarġu minn pajjiżna, u anke fl-infieq tagħhom huma riflessi fil-livell aħjar tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi, b’riżultat tal-qagħda ekonomika b’saħħitha fil-pajjiż.