Mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sa tmiem Frar li għadda, in-numru ta’ nies jaħdmu full-time laħaq il-175,200. Dan ifisser li mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 19,788 impjieg full-time.
Illum il-Minsitri Chris Cardona u Evarist Bartolo żaru l-kumpanija Metalform fl-isfond tar-riżultati ekonomiċi pożittivi u l-ħolqien tal-impjiegi.
Dan meta matul ħames snin t’amministrazzjoni preċedenti, t-tkabbir kien ta’ 11,250 impjieg full-time. Fi tlett snin l-impjiegi żdiedu iktar minn kemm żdiedu f’ħames snin taħt Gvern Nazzjoanalista.
Fl-ewwel tlett snin ta’ din l-amministrazzjoni, kull jum żdiedu 18-il impjieg full-time. Din hija tlett darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Taħt Gvern Laburista kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir. Iż-żidiet jitqassmu b’dan il-mod:
- Żieda ta’ 3,300 impjieg fis-servizzi amministrattivi
- 1,900 fis-servizzi tekniċi u professjonali
- 1,500 fis-servizzi finanzjarji
- 1,300 full-timer fl-informatika u l-kommunikazzjoni
- 1,400 impjieg fis-settur tal-bejgħ
- 1,300 impjieg fil-lukandi u ristoranti
- 2,500 impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra
Il-manifattura u l-kostruzzjoni kienu żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol.
- 360 fil-manifattura
- 700 fil-kostruzzjoni
Kien hemm ukoll tkabbir spettakolari fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ 1,600 impjieg full-time.
Mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 16,922 persuna full-time mas-settur privat. Li jfisser li kważi disgħa minn kull għaxar impjieg gdid gew ikkreati fis-settur privat.
Dan imur għal kollox kontra l-istqarrijiet tal-Opposizzjoni, li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi ġej mis-settur pubbliku. L-impjiegi fis-settur pubbliku illum huma 25.3% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti dawn kienu 26.7%. Jiġifieri d-dipendenza fuq is-settur pubbliku naqset.
Fost l-aktar li gawdew mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm l-Għawdxin: f’Għawdex fejn kien hemm żieda ta’ aktar minn 1,000 impjieg full-time.