Statistika ppublikata din il-ġimgħa turi li, sa Awwissu 2016, in-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 181,605. Dan ifisser li, mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 26,193 impjieg full-time. Jiġifieri, fi ftit iktar minn tliet snin, l-impjiegi żdiedu darbtejn iż-żieda f’ħames snin sħaħ.
Din l-osservazzjoni għamilha l-Gvern fi stqarrija. Fl-ewwel snin ta’ din l-amministrazzjoni kuljum żdiedu 20 impjieg full-time. Din hija tliet darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Taħt din l-amministrazzjoni kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir. Tispikka żieda ta’ erbat elef u sitt mitt impjieg fis-servizzi amministrattivi, tlett elef u mija fis-servizzi tekniċi u professjonali, elf u disa mija fis-servizzi finanzjarji, u żieda ta’ elf u seba mitt full-timer fl-informazzjoni u l-kommunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ elf u disa mitt impjieg fis-settur tal-bejgħ, elf u disa mitt impjieg fil-lukandi u ristoranti, u tkabbir ta’ tlett elef u ħames mitt impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.
L-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’sitt mija fil-manifattura, u b’disa mija fil-kostruzzjoni, żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir qawwi fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ elfejn impjieg full-time.
Fl-istqarrija tiegħu l-Gvern qal li mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 23,223 persuna full-time mas-settur privat. Li jfisser li disgħa minn kull għaxar impjieg ġdid inħolqu fis-settur privat. Dan imur għal kollox kontra l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi ġej mis-settur pubbliku. L-impjiegi fis-settur pubbliku llum huma 24% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti dawn kienu 27%. Jiġifieri naqset, u mhux żdiedet, id-dipendenza fuq is-settur pubbliku.
Fl-istess ħin, il-Gvern ma naqasx li jżid ir-riżorsi f’setturi importanti fis-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn, imqabbel mal-bidu tal-amministrazzjoni, illum hemm elf u erba mitt persuna aktar taħdem fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika li qed joffru servizzi aħjar lill-familji tagħna.
Fost l-aktar li gawdiet mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm il-gżira Għawdxija, fejn kien hemm żieda ta’ aktar minn elf u ħames mitt impjieg full-time. Dan it-tkabbir, fi ftit aktar minn tlett snin, huwa diġà d-doppju taż-żieda fl-impjiegi li kien hemm f’Għawdex matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti.
Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol qed twassal biex verament il-ġid jasal għand kulħadd.